15/10/2026
15 ta’ Ottubru – Illum tinżamm it-tifkira obbligatorja ta’ Santa Tereża ta’ Avila.
Fl-imgħoddi, fuq l-artal ta’ San Franġisk fil-Knisja Parrokkjali ta’ Ħaż-Żabbar, kienet tinżamm ix-xbieha ta’ Santa Tereża ta’ Avila. Fix-xogħol narawha donnha f’kollokju ma’ Ġesù, ħaġa li għamlet tul ħajjitha kollha. Huwa maħsub li x-xogħol huwa tal-iskola ta’ Zahra.
Mill-Kurunella tal-Ferħat tal-qaddisa ngħidu:
“Inġibu quddiemna l-ferħ ta’ Tereża l-imqaddsa meta fit-Tqarbina ta’ nhar Għid iż-Żebbuġ ħasset fommha mimli bid-demm ta’ Ġesù, li qalilha: Binti, jien irrid illi d-demm tiegħi jkun is-saħħa tar-ruħ tiegħek. Lil Ġesù nitolbu li nieħdu spiss is-Sagramenti, u fuq kollox it-Tqarbin, biex ikollna s-saħħa u l-kotra tal-grazzja tiegħu, u ngħidulu bil-qalb:
O Ġesù Sagramentat,
Redentur l-iżjed ħanin,
Int il-ħrara fina kebbes,
Li spiss nersqu għat-Tqarbin.”