06/12/2025
PASTURI MALTIN TAL-IMGĦODDI
Kull presepju sabiħ kemm hu sabiħ u kbir kemm hu kbir ma huwa xejn mingħajr pasturi. Ngħidu aħna qiesu ġisem ta’ bniedem mingħajr ruħ.
Illum f’pajjiżna ssib tixtri kull tip ta’ pasturi – ta’ kull daqs u għamla, xogħol irfinut u dettaljat, kemm maħduma minn pasturari Maltin kif ukoll impurtati (l-aktar mill-Italja jew minn Spanja).
Iżda fl-imgħoddi ma kienx hekk. Flus fil-but id-dilettanti ma tantx kellhom u bdew jinħolqu l-magħrufin ‘pasturi tas-sold’. Aktar t**d inħolqu pasturi ftit akbar, aktar irfinuti u b’ilbies Bibliku li kienu jinbiegħu tmien soldi. Tal-ewwel ġeneralment kienu jkunu b’ilbies tradizzjonali Malti kif ukoll li juru ċerta snajja. Ta’ min ifakkar li kuntrarju għal-lum, il-pasturi tal-imgħoddi dejjem inħadmu bit-tafal Malti.
L-aktar li teħodna ‘l bogħod l-istorja tal-pasturari Maltin hi lejn is-seklu dsatax. F’din il-kitba ser nillimitaw ruħna għal ftit minnhom.
Fost dawk bikrin jissemmew Ġanni Apap, il-Kappuċċin Patri Mamo, Duminku Busuttil u Fra Wiġi Poggi, Tereżjan.
Fra Wiġi kien Bormliż mogħni b’ħafna talenti sbieħ. Huwa kien magħruf fl-Ordni Tereżjan bħala Fra Luigi ta’ San Ġużepp. Hu kien responsabbli mir-rinnovament tas-Santwarju Marjan f‘Haifa ddedikat lil Marija Stella Maris. Apparti li kien responsabbli tax-xogħol strutturali u arkitettoniku tal-kunvent li kien imiss mal-istess Santwarju, huwa pitter il-koppla tal-istess lok Marjan. Nistgħu ngħidu wkoll li Fra Luigi ta’ San Ġużepp kien l-ewwel Malti li esporta l-presepji. Fil-fatt sal-lum wieħed għadu jista’ jammira presepju kbir mekanizzat li dan, ħuna Malti bħalna, kien ħadem fil-bidu tas-seklu għoxrin. Illum dan il-presepju jinsab għall-wiri fis-sagristija tal-istess Santwarju.
Fost l-ewlenin pasturari Maltin żgur li wieħed ma jistax ma jsemmix lil Kav. Wistin Camilleri (1885-1979). Wistin beda l-karriera brillanti tiegħu bħala statwarju permezz tal-pasturi li kien joħloq meta kien għadu żgħir. Dawn il-pasturi, nistgħu ngħidu, li kienu wittew it-triq għal kwantità kbira ta’ xogħolijiet artistiċi ta’ kull għamla u daqs li ħarġu minn idejn dan l-istatwarju prolifiku. Ta’ Wistin insibu diversi xogħolijiet fil-knejjes Maltin, fosthom anke vari tal-Ġimgħa l-Kbira. Fil-knisja ta’ Stella Maris insibu l-istatwa tal-Madonna tar-Rużarju. Fil-festi Maltin insibu diversi statwi ta’ Qaddisin, Profeti u Anġli li jintramaw fit-toroq u l-pjazzez tagħna u li lkoll inħadmu minn Wistin Camilleri li baqa’ magħruf ukoll għall-kurċifissi sbieħ li kien jaħdem.
Dawn li semmejna kienu biss ftit mill-pasturari ewlenin Maltin. Jekk il-Bambin irid darb’oħra nsemmu xi wħud oħrajn.
Mario Formosa Holt