27/05/2026
L-Malta Taxidermy Federation tixtieq tikkjarifika li dak li qed jingħad minn BirdLife Malta dwar il-proċess tat-trasferimenti tal-għasafar ma huwiex minnu. Kuntrarjament għal dak li qed jiġi allegat, kull applikazzjoni li tidħol għand il-Wild Birds Regulation Unit (WBRU) trid tkun akkumpanjata minn ritratti tal-ispeċi li fuqha qed issir l-applikazzjoni għat-trasferiment, meħuda minn tliet angoli differenti. Dan waħdu jwaqqa' għal kollox l-argument ta' BirdLife Malta li b'xi mod jista' jkun hemm tibdil, jew xi xewqa illi persuna żżid xi speċi li tkun illegali.
Importanti wkoll li wieħed jinnota li dan il-proċess ser inaqqas ix-xogħol manwali fuq l-awtoritajiet, peress li flimkien mal-applikazzjonijiet qed jiġu sottomessi ritratti ċari tal-ispeċi. B'hekk, id-dipartiment ikun jista' jidentifika b'mod preċiż liema speċi qed issir talba għat-trasferiment tagħha, u dawn ir-ritratti jibqgħu jservu bħala evidenza uffiċjali.
Tajjeb ukoll li wieħed jinnota li din hija applikazzjoni u ma tneħħi xejn mill-proċess kollu kif mitlub mil-liġi, inkluż li l-ispeċi jiġu identifikati tassonomikament u li jiġu mmarkati b'apparat ta' identifikazzjoni skont ir-regolamenti applikabbli.
Dan kollu juri biċ-ċar li dak li qed isir minn BirdLife Malta mhu xejn ħlief qerq u pressjoni sabiex akkost ta' kollox jippruvaw jeqirdu dawn il-kollezzjonijiet li ilhom jgħaddu minn ġenerazzjoni għal oħra bħala parti mill-wirt u d-delizzji tradizzjonali Maltin.
Il-Malta Taxidermy Federation tieħu wkoll din l-opportunità biex tirringrazzja lill-Gvern Malti preżenti li, wara żmien twil ta' stennija minn gvernijiet preċedenti, beda l-proċess hekk kif mitlub mil-liġi dwar l-identifikar ta' dawn l-għasafar. Iżda fuq kollox lill-Ministru Clint Camilleri, li minkejja diversi pressjonijiet u kurrenti differenti, jibqa' jisma' lill-dilettanti u jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa sabiex jiġu salvagwardjati d-delizzji Maltin. Għal dan, il-Federation tinsab grata ħafna.